IL-PARROĊĊA TA’ ĦAL SAFI
(tagħrif miġbur mid-DJARJU DIRETTORJU PARROKKJALI 2013)

SafiMapGħal diversi snin Ħal Safi kien jagħmel parti mill-Parroċċa ta’Bir Miftuħ. Il-Ħalsafin xtaqu li jinħallu minn ma’ din il-parroċċa, l-aktar minħabba li minn Ħal Safi sal-Knisja ta’ Bir Miftuħ li tiġi qrib ir-raħal tal-Gudja, kien hemm ħafna bogħod.

Meta Monsinjur P. Dusina, il-Viżitatur Appostoliku, żar ir-raħal ta’ Ħal Safi fl-1575, il-Ħalsafin talbuh sabiex jaqtgħalhom xewqithom. Talbu li r-raħal jitpoġġa ma’ dak taż-Żurrieq, iżda kollox baqa’ kif kien.

Fl-1592, l-Isqof Tumas Gargallo ddeċieda li jifred lil Ħal Safi, Ħal Kirkop u l-Imqabba minn ma’ Bir Miftuħ, u għaqqad dawn it-tliet irħula f’parroċċa waħda. Il-Ħalsafin ma kinux sodisfatti b’dan billi għal ċerti sagramenti kellhom joqogħdu jmorru fil-knisja ta’ San Gakbu li kienet tinsab nofs triq bejn Ħal Safi u Ħal Kirkop.

Fl-1598, l-Isqof Gargallo laqa’ għandu delegazzjoni Ħalsafija li talbet li Ħal Safi jsir parroċċa għalih waħdu. Din id-darba l-Ħalsafin ġabuha żewġ għax l-Isqof aċċetta t-talba tagħhom, u nhar it-13 ta’ April 1598 sar kuntratt li permezz tiegħu Ħal Safi sar parroċċa.

Minn fost il-knejjes li kien hemm f’Ħal Safi, intgħażlet dik iddedikata lil San Pawl biex tibda tintuża bħala l-knisja parrokkjali. Ta’ kull sena bdiet tinżamm festa li tfakkar il-Konverżjoni ta’ San Pawl.

Mindu Ħal Safi sar parroċċa, kien hemm 27 kappillan li kienu nkarigati milli jieħdu ħsiebha u jmexxuha. Uhud minnhom damu ftit snin biss iservu lill-parroċċa, filwaqt illi xi oħrajn għamlu dan għal bosta snin.

Dawn il-kappillani, kif ukoll amministraturi oħrajn, kemm-il darba sabu għajnuna siewja minn saċerdoti Ħalsafin kif ukoll minn diversi individwi u għaqdiet, speċjalment dawk reliġjużi. Fuq kollox dejjem spikkat il-kooperazzjoni tal-parruċċani.
________________________________________________________________________________________________________________________________________________________
INNU LILL-PARROĊĊA ĦALSAFIJA:
Dan l-innu nkiteb fl-1998 meta l-parroċċa Ħalsafija ċċelebrat l-400 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-versi huma ta’ Paul Callus, il-mużika ta’ Tony Pace.
[youtube=https://www.youtube.com/watch?v=xGM5UgXoh3M&w=420&h=315]