B’rabta ma’ Jum l-Omm, iċ-Ċimiterju tal-Parroċċa tagħna ser ikun miftuħ:-
- – Il-Ġimgħa 08/05/2020 :- mis-7:00am sal-5:00pm
- – Is-Sibt 09/05/2020 :- mis-7:00am sal-5:00pm
- – Il-Ħadd 10/05/2020 :- mis-7:00am sal-5:00pm
Dan biex min jixtieq u jista’, ikun jista’ jinviżta l-fdalijiet tal-għeżiż tiegħu, speċjalment l-ommijiet, li aħna dejjem nafdaw f’idejn il-ħniena t’Alla, bit-tama tal-qawmien mill-imwiet.
Minħabba r-Restrizzjonijiet tal-COVID-19, infakkar li l-quddiesa li s-soltu niċċelebraw mhux ser issir, u li ma ntawlux iż-żjarat tagħna bla bżonn, għax nieqfu nitkellmu, eċċ.
Niftakru li r-Restrizzjonijiet jgħoddu ukoll fiċ-Ċimiterju.
N.B. Infakkar li ċ-Ċimiterju baqa’ jinfetaħ kull nhar ta’ Sibt u Ħadd,u fil-Festi.
Avviż b’rabta mal-Indafa taċ-Ċimiterju:
Tajjeb li lkoll nagħmlu ħilitna biex inżommu l-post kollu kemm jista’ jkun nadif u narmu fil-bins.
Napprezzaw jekk ħaxix ħażin li kiber qrib l-oqbra tagħkom mhux tgergru imma taqtgħuh kif tistgħu, għax tajjeb tkunu tafu li dawk li s-soltu jieħdu ħsieb, ġew ristretti minħabba r-regolamenti marbuta mal-COVID-19.
Avviżi b’rabta mal-Manutenzjoni taċ-Ċimiterju:
Manutenzjoni tal-bjut tal-kappella taċ–Ċimieterju u tal-kmamar annessi magħha
F’Jannar 2020, eżatt kif għaddew il-festi tal-Milied, is-Sur Joseph Busuttil (Ċikinu) ħa ħsieb jagħmel manutensjoni tal-bjut tal-kappella u l-kmamar imissu magħha, kif ukoll mili ta’ fili tul id-dawra tal-ħitan esterni tal-kappella u tqegħid mill-ġdid ta’ uvola li kienet ġarrbet ħsara b’maltempa s-sena li għaddiet.
Ġiet ukoll miżbugħa mill-ġdid il-kappella minn ġewwa, jiġifieri s-saqaf u l-ħitan.
L-ispiża kienet ta’ € 818.
Manutenzjonitas-sistema tas-CCTV
Lejn nofs Frar 2020, saret manutenzjoni fuq is-CCTV system taċ-Ċimiterju mid-Ditta Allsec ta’ Ħal Safi.
Inbidlu l-power supply, il-hard drive u l-batterija tal-UPS, u sar clipping mill-ġdid tal-wires tal-cameras fuq barra tal-kappella.
L-ispiża kienet ta’ € 177.
Tqegħid mill-ġdid ta’ Pilastru mill-Faċċata taċ-Ċimiterju
Wara li f’Diċembru 2019, permezz ta’ riħ qawwi li għamel f’nofs ta’ lejl, waqa’ pilastru minn tal-faċċata taċ-Ċimiterju f’nofs ta’ triq, is-sur Joe Busuttil (Ta’ Rasputin) ġie mqabbad biex jerġa’ jieħu ħsieb iqiegħdu f’postu u jagħmel il-manutensjoni li tenħtieġlu.
F’Marzu 2020 sar ix-xogħol, fejn s-Sur Vincent Farrugia kellu jaħdem il-partijiet tal-iskultura u l-lavur li kienu tkissru, u f’April 2020 tqiegħed kollox mill-ġdid f’postu.
L-ispiża kienet ta’ € 850.
Kull donazzjoni biex tittaffa’ l-ispiża għal dan ix-xogħol hija apprezzata. Grazzi.
Fr David – Kappillan
Add a Comment