IL-QARI TAL-BIBBJA B’VUĊI GĦOLJA (Kummissjoni Liturġija Ħal Safi)
Il-qari tal-Iskrittura mil-letturi huwa mument fejn Alla jkellem lil udjenza miġbura f’Ismu. Aħna nsiru strumenti f’idejn Alla; Alla jitkellem permezz tagħna. Dawn li ġejjin huma xi punti li kull qarrej għandu jixtarr ħalli s-servizz tagħna lejn il-komunità ikun jista’ dejjem jitjieb.
- ITLOB – ipprepara ruħek spiritwalment biex Alla jwassal il-messaġġ tiegħu permezz tiegħek.
- IPPRATTIKA D-DAR WAĦDEK IS-SENGĦA TAL‑QARI FIL-PUBBLIKU – li taqra quddiem udjenza hija sengħa; isma’ qarrejja tajbin fuq il-mezzi tax-xandir u ipprova imita prattiċi tajbin.
- Immaġina li l-kongregazzjoni m’għandhiex il-fuljett biex issegwi minnu;
- Aqra bil-mod, ċar u b’vuċi soda (mhux bl-għajjat); evità drammatiċità żejda;
- Żomm il-Bibbja komda għal għajnejk biex tkun tista’ taqra sew u mingħajr tbatija;
- Uża l-espressjonijiet tal-wiċċ, bħal meta titkellem; dan iwassal lill-udjenza biex tapprezza aħjar is-sens tas-silta li tkun qed tinqara;
- Lissen il-konsonanti ta’ kull kelma b’mod ċar u mhux bil-ħatfa;
- Ikkomunika l-emozzjonijiet tas-silta permezz tat-tonalità, ir-rata tal-kliem u l-volum tal-vuċi;
- Waqt il-preparazzjoni tal-qari, fittex il-kelmiet tal-impatt u tihom enfasi speċjali. Eż: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba!”
- Kultant agħmel pawsa biex twassal għal enfasi speċjali. Eż: “Imbagħad Nathan qal lil David ………… Inti huwa dak li qed infittex!”
- Kultant ikkomunika permezz ta’ ħarstek mal-udjenza; dan jgħin lill-udjenza biex tikkomunika miegħek u mal-Kelma t’Alla li tkun qed tinqara minnek.
- PRONUNZJA – aċċerta ruħek qabel mill-kliem kollu li hemm fit-test; jekk waqt il-preparazzjoni tiltaqa’ ma’ dubju ta’ pronunzja, idħol fis-sagristija qabel u staqsi lill-kappillan.
- ILBES ADATTAT – ftakar illi l-protagonista għandha tkun dejjem il-Kelma t’Alla u mhux int; inti strument f’idejn Alla.
- PUNTWALITÀ – din tfisser li għandek tasal qabel, anke biex isserraħ moħħ il-kappillan u l‑koordinatur;
- ĦU POŻIZZJONI MILL-EWWEL – nevitaw li l-kongregazzjoni toqgħod tistenniena naqsmu l-knisja sakemm naslu fuq l‑ambone; malli s-saċerdot jispiċċa t-talba, jew il-qarrej l-ieħor ikun wasal biex jispiċċa, qis li tkun f’pożizzjoni li tibda l-qari tiegħek immedjatament. Nevitaw l-intervalli waqt is-servizz. N.B. Il‑mumenti ta’ talb personali m’humiex intervalli imma parti mil-liturġija.