Viżta Pastorali tal-Arċisqof

Vizta pastorali 2018

Messaġġ ta’ Mons. Arċisqof Charles J, Scicluna

fl-okkażjoni tal-Viżta Pastorali fil-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi

Għeżież membri tal-Parroċċa ta’ Ħal Safi, huwa ta’ ferħ kbir għalija li niġi f’din il-Parroċċa għażiża għall-Viżta Pastorali.

Il-Komunita parrokkjali li tnisslet fis-seklu sittax kellha l-bidu tagħha fix-xewqa ta’ komunità żgħira ta’ nies marbuta mal-ħidma tal-art. Ħassew il-bżonn li ma jkunux magħqudin biss fuq livell soċjali iżda wkoll bħal nies li jemmnu u lli jixtiequ l-grazzja ta’ Alla permezz tas-sagramenti. Riedu jkunu magħrufa huma wkoll li kienu mxennqa għas-sema pajjiżhom.

Ir-rabta mal-Appostlu Missierna, fil-mument tal-konverżjoni tiegħu, kienet sa mill-bidu u għadha sal-lum. Huwa mument li jqanqalna nħarsa lejn nfusna biex, filwaqt li nħossuna kburin mill-imgħoddi tagħna u minn dak li ħadmu għalih u qalgħu missirijietna, napprezzaw il-preżent u nħarsu b’tama u b’entużjażmu lejn il-ġejjieni, konvinti mill-grazzji li għandna minn Alla u mill-ħajja tagħna ta’ aħwa, taħt il-ħarsien, bit-tagħlim u bl-eżempju ta’ Missierna San Pawl.

Matul din il-Viżta Pastorali nixtieq immiss b’idejja r-realtà lli qed tgħixu bħala Komunità Nisranija u nitlobkom tgħinuni nifhimha iżjed.

Bħala l-Isqof tagħkom imsejjaħ minn Ġesù biex jagħti ħajtu għalikom; nixtieq niltaqa’ magħkom bħla komunità Nisranija, niltaqa’ magħkom bħala Nsara li tgħixu f’din il-parroċċa għażiża.

Ser niltaqa’ mat-tfal, maż-żgħażagħ, mal-familji; ser niltaqa’ magħkom ilkoll, b’mod speċjali l-morda u l-anzjani. Nixtieq li ż-żjara tiegħi fostkom bħala l-Isqof tagħkom tkun esperjenza sabiħa għalina llkoll.

Il-Mulej iberikkom.

Charles J. Scicluna.

Arċisqof ta’ Malta

Add a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *