Restawr – Statwetti Appostli tal-Altar Maġġur

Matul dawn l-aħħar jiem, l-istatwetti taż-2 Appostli (San Pietru u San Pawl) u l-4 Evanġelisti (San Mark, San Mattew, San Luqa u San Ġwann) qed jittieħdu għal proċess ta’ konservazzjoni u restawr għand l-Atelier del Restauro, il-laboratorju li ħa ħsieb jirrestawra l-statwa ta’ San Pawl.

Oriġinarjament, dawn l-istatwetti jidher li kienu ġew indurati minn Francesco Coleiro fl-1889 flimkien ma xi gandlieri u l-qafas tal-ventaltar tal-altar maġġur, u kienu jintramaw fil-Festa tal-Konverżjoni qabel ma’ saru dawk li qed jintramaw llum u li jikkumplimentaw it-tiżjin iddisinjat minn Emanuel Buhagiar.

Għaldaqstant illum-il ġurnata dawn l-istatwetti qed jintramaw fuq l-Altar Maġġur għall-Festi tal-Milied, għall-25 ta’ Jannar – Festa Liturġika tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, u għall-festi tal-Madonna tar-Rużarju u tal-Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja.  Barraminnhekk, fil-Festa ta’ Awwissu, ż-2 Appostli jintramaw fis-Sagristija u l-4 Evanġelisti jintramaw fl-Altar tal-Kor.

Il-ħsieb hu li dan il-proċess ikun mitmum lejn nofs Awwissu ħalli jiżżanżnu għall-Festa tas-Sajf.

Apparti t-trasport lejn il-laboratorju fil-Mosta, l-istudju u l-analiżi, ir-restawr ser ikollu diversi fażijiet fosthom: it-tisħ tal-injam, il-konsolidazzjoni tal-materjali, it-tindif tal-induratura, l-induratura mill-ġdid ta’ diversi partijiet, u l-applikazzjoni ta’ verniċ biex jippreserva kollox.

Ix-xogħol għal dan il-konservazzjoni u restawr huwa stmat li jiswa madwar € 4,500. 

Waqt li dettalji oħra jingħataw ’il quddiem, nistieden lil kull parruċċan biex jieħu interess u jikkontribwixxi fid-donazzjonijiet finanzjarji b’risq dan il-proġett biex inkomplu nsalvaw u ngawdu il-patrimonju tal-parroċċa.

Ara r-ritratti: https://www.facebook.com/pg/paroccaHalsafi/photos/?tab=album&album_id=1850243825230913

Add a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *